Proġett ta’ bini ta’ maħżen modern fejn jinżammu l-assi rikoverati minn reati kriminali, li ilu ppjanat għal ħames snin, waqa’ lura, hekk kif tħabbar li dan se nkun lest lejn tmiem l-2027. Il-pjan ta’ il-binja “state-of-the-art”  kien tħabbar fl-2020, u oriġinarjament il-proġett kien maħsub li se jiswa €2.5 miljun. Dan se jservi wkoll ta’ kwartieri tal-Asset Recovery Bureau. Id-disinn futuristiku tal-binja kien ngħata prominenza fir-rapport annwali tal-2020 u sena wara ġie varat f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministeru tal-Ġustizzja. Il-binja b’erba’ sulari għandha l-iskop li sservi ta’ maħżen ta’ oġġetti rikoverati minn attivitajiet kriminali, inklużi ġojjelli, xogħlijiet tal-arti, dgħajjes u vetturi ta’ kull tip u daqs.  

L-ARB twaqqaf permezz ta’ liġi fl-2015, iżda dam ma beda jiffunzjona għal bosta snin. Waħda mill-problemi ewlenin dejjem kienet in-nuqqas ta’ faċilitajiet għall-ħażna tal-assi rikoverati minn reati u attivitajiet kriminali.

Fir-rapport annwali tal-2023, l-ARB ammetta d-dewmien fil-proġett u qal li kienu ffinanzjaw bini temporanju alternattiv fil-Marsa biex jakkomodaw l-istaff li qed jikber, sakemm jitlesta l-bini l-ġdid.

F’2022, inħareġ tender għar-rilokazzjoni tal-uffiċċji, u eventwalment sa Settembru 2023, l-ARB kien uffiċjalment għamel il-pass għall-uffiċċji l-ġodda fil-Marsa. Id-dewmien fil-proġett kien attribwit għall-akkumulazzjoni ta’ skart li kien ġej minn attivitajiet ta’ kostruzzjoni qrib is-sit tal-bini l-ġdid f’Ħal Far. Dan il-materjal apparentement twaddab illegalment f’dan is-sit.  Kien għalhekk meħtieġ ittestjar fuq il-post biex jiġi determinat il-livell ta’ kontaminazzjoni, u eventwalment  ġie maqbul metodu ta’ trattament u rimi tal-iskart, skont il-proċedura stabbilita mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA),

Fil-konsultazzjoni mal-maniġer tal-proġett, l-ARB ingaġġa konsulent indipendenti biex iħejji rapport tekniku kif dan l-iskart jista’ jiġi separat. Il-konsulent ipprovda wkoll pjan ta’ trattament biex ikun newtralizzat il-materjal velenuż ta’ dan l-iskart li eventwalment se jkun esportat. Dan kollu se jfisser spejjeż li ma kienux ippjanati meta tnieda l-proġett.

Sadattant, sal-aħħar tal-2023, it-tender għall-kostruzzjoni tal-faċilità kien fil-fażi ta’ verifika mid-Dipartiment tal-Kuntratti. Skont l-ARB, il-proġett issa hu maħsub li jitlesta fit-tieni nofs tal-2027. Barra minn hekk saret applikazzjoni għal kofinanzjament parzjali mill-UE. Madankollu, ma ngħatawx dettalji dwar l-ispiża ġenerali tal-proġett li probabbilment qabżet sew il-baġit oriġinali ta’ €2.5 miljun. Fil-fatt, ir-rimi u t-trattament tal-materjali kontaminati x’aktarx jirriżultaw fi spejjeż addizzjonali sinifikanti li waħdehom biss jistgħu jkunu qrib €2 miljun.