Għal sena oħra l-UHM Voice of the Workers organizzat il-festin għad-delegati bħala sinjal ta’ ringrazzjament għall-ħidma tagħhom matul is-sena.

Fil-messaġġ tiegħu il-Kap Eżekuttiv tal-UHM Josef Vella irringrazzja kemm lid-delegati kif ukoll lill-istaff tal-union għall-ħidma tagħhom partikularment għax din is-sena kien hemm diversi ftehimiet settorjali fil-privat, fl-entitajiet pubbliċi kif ukoll dak tas-servizz pubbliku li minnu se jgawdu mat-33,000 ħaddiem. Din il-ħidma se tkompli fl-2025 bin-negozjati fuq ftehimiet oħra waqt li l-ħidma tal-union tissokta fuq il-każi individwali. Ta’ dan hu irringrazzja lill-managers tad-diversi taqsimiet tal-union kif ukoll lill-uffiċjali fit-tmexxija.  

Meta tkellem dwar il-ħidma għal ġejjieni, spjega kif il-UHM se tkun qed tvara bosta proġetti fosthom website ġdida u mobile application biex iżżid il-kuntatt mal-membri. Hu qal dan se jkun proġett importanti fil-mandat ta’ ħames snin ta’ ħidma tat-tmexxija preżenti li jintemm fl-2026 meta jsir il-Kungress Nazzjonali li jmiss.

Josef Vella qal li l-UHM se tibqa’ tiġġieled għal dak li hu sewwa u ma tħares lejn wiċċ ħadd biex tiddefendi l-aħjar interess tal-pajjiż u tal-ħaddiema. Appella biex kulħadd jiġbed ħabel wieħed u biex kemm il-membri kif ukoll ir-rappreżentanti tagħhom iwieġbu għas-sejħa tal-union, biex dak li kien imwiegħed fi-Kungress Nazzjonali tal-2021 jitwettaq.