Il-Parlament japprova l-Kummissjoni ‘Von der Leyen II’
Wara dibattitu ma’ Ursula von der Leyen dwar it-tim u l-programm il-ġdid tagħha, il-MPE eleġġew il-Kulleġġ tal-Kummissarji kollu b’votazzjoni nominativa.
370 MPE vvutaw favur, 282 kontra, u 36 astjenew. Id-dettalji dwar kif ivvota kull MPE se jkunu disponibbli dalwaqt fuq il-paġna web iddedikata tal-Parlament u fil-minuti tas-sessjoni plenarja.
Biex jiġi kkonfermat, il-Kulleġġ tal-Kummissarji kellu bżonn maġġoranza tal-voti mitfugħa (l-Artikolu (129.7 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-PE).
Dan ser ikun it-tieni mandat ta’ Ursula von der Leyen bħala President tal-Kummissjoni, wara l-approvazzjoni tal-ewwel Kummissjoni tagħha mill-MPE f’Novembru 2019.
Dibattitu mal-MPE qabel il-votazzjoni
Qabel il-votazzjoni, Ursula von der Leyen ippreżentat it-tim u l-programm tagħha, fejn ikkonfermat il-bidliet fil-portafoll mitluba mill-MPE matul il-proċess ta’ evalwazzjoni tal-Parlament. “Aħna lesti li naħdmu minnufih,” qalet, filwaqt li enfasizzat li l-Kummissjoni tagħha dejjem se tkun iddedikata għall-ġlieda għal-libertà, is-sovranità, is-sigurtà u l-prosperità. Tista’ taqra d-diskors tagħha fuq is-sit web tal-Kummissjoni.
Is-Sinjura von der Leyen ħabbret li l-ewwel inizjattiva tal-Kummissjoni se tkun boxxla tal-kompetittività, biex jingħalaq id-distakk fl-innovazzjoni tal-Ewropa mal-Istati Uniti u ċ-Ċina, biex tiżdied is-sigurtà u l-indipendenza u biex titwettaq id-dekarbonizzazzjoni. Dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew, hija qalet, “irridu u se nibqgħu fit-triq lejn l-għanijiet tiegħu”. Hija impenjat ruħha li tippreżenta ftehim industrijali nadif, tniedi djalogu strateġiku Ewropew dwar il-futur tal-industrija tal-karozzi, tkompli taħdem fuq ekonomija ċirkolari kompetittiva, u taħdem lejn unjoni Ewropea tat-tfaddil u l-investiment.
Dwar il-gwerer li għaddejjin fl-Ukrajna, fil-Lvant Nofsani u f’partijiet tal-Afrika, is-Sinjura von der Leyen qalet li “l-Ewropa jrid ikollha rwol aktar b’saħħtu f’dawn l-oqsma kollha”, filwaqt li enfasizzat li dan huwa “meħtieġ aktar minn qatt qabel”. Hija qalet li t-tisħiħ tas-sigurtà tagħna huwa kruċjali, u appellat lill-Ewropa biex tonfoq aktar fuq id-difiża. “Is-sigurtà tal-Ewropa dejjem se tkun il-prijorità ta’ din il-Kummissjoni,” hija żiedet tgħid.
Fid-dibattitu sussegwenti, xi MPE enfasizzaw il-ħtieġa li l-Kummissjoni l-ġdida tibda tindirizza malajr l-isfidi li l-Ewropa qed tiffaċċja. Huma appellaw lill-Kummissjoni biex ittejjeb il-kompetittività Ewropea fid-dawl tal-intensifikazzjoni tal-kompetizzjoni globali, biex timplimenta l-Patt Ekoloġiku Ewropew, biex tiżgura l-indipendenza enerġetika, u biex tibni unjoni tad-difiża b’reazzjoni għall-gwerra li għaddejja fl-Ukrajna. Oħrajn urew id-diżapprovazzjoni tagħhom għall-Kulleġġ il-ġdid tal-Kummissarji. Ir-reġistrazzjonijiet u s-siltiet mid-dibattitu huma disponibbli fuq iċ-Ċentru Multimedia tal-Parlament.
Konferenza stampa
Wara t-tħabbir tar-riżultati tal-votazzjoni, il-President tal-Parlament Roberta Metsola u l-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen se jindirizzaw lill-media fis-sala tal-konferenzi stampa tal-Parlament Daphne Caruana Galizia (fi Strasburgu) fis-13:00 CET. Ara l-informazzjoni għall-media relatata. Il-konferenza stampa se tixxandar b’mod dirett u se tkun disponibbli fiċ-Ċentru Multimedia u l-EbS+.
Il-passi li jmiss
Wara l-ħatra formali tagħha mill-Kunsill Ewropew permezz ta’ maġġoranza kwalifikata, il-Kummissjoni Ewropea l-ġdida hija mistennija tibda taqdi dmirijietha fl-1 ta’ Diċembru 2024.
Kuntest
Il-Kulleġġ tal-Kummissarji propost ġie vvalutat mill-MPE f’seduti ta’ smigħ pubbliċi ddedikati bejn l-4 u t-12 ta’ Novembru. Il-kandidati ppreżentaw ruħhom għas-seduti ta’ smigħ tal-kumitati tal-Parlament Ewropew biex jivvalutaw l-adegwatezza tagħhom u l-kapaċità tagħhom li jwettqu d-dmirijiet marbuta mal-portafolli li kienu ġew assenjati għalihom.
Il-Konferenza tal-Presidenti tal-Parlament iddikjarat is-seduti ta’ smigħ magħluqa u ppubblikat l-ittri ta’ evalwazzjoni tal-Kummissarji nnominati kollha fis-27 ta’ Novembru. Aqra aktar dwar il-proċess ta’ investitura tal-Kummissjoni tal-2024 fin-nota ta’ informazzjoni mis-Servizz ta’ Riċerka tal-Parlament.
Riżultati tal-votazzjonijiet preċedenti tal-investitura tal-Kummissjoni:
- 11.2019 Ursula von der Leyen / 461 favur, 157 kontra, 89 astensjoni (siġġijiet tal-PE 751)
- 10.2014 Jean-Claude Juncker / 423 – 209 – 67 (siġġijiet tal-PE 751)
- 02.2010 José Manuel Barroso / 488 – 137 – 72 (siġġijiet tal-PE 736)
- 11.2004 José Manuel Barroso / 478 – 84 – 98 (siġġijiet tal-PE 732)
- 09.1999 Romano Prodi / 510 – 51 – 28 (siġġijiet tal-PE 626)
- 18.01.1995 Jacques Santer / 417 – 104 – 59 (siġġijiet tal-PE 567)