L-iffirmar ta’ ftehim kollettiv ġdid li se jibbenefikaw minnu 33,000 impjegat fis-servizz pubbliku kienet pass importanti li jistħoqqlu jiġi ċċelebrat. Sfortunatament, dak li kellu jkun mument ta’ ferħ u ċelebrazzjoni ġie mtappan minn kontroversja inutli: dan il-portal ġie mċaħħad milli jkopri dan l-avveniment flimkien ma’ mezzi oħra tal-midja.

Din id-deċiżjoni ġie ġustifikata fuq il-bażi li dan il-portal ma kellux akkreditazzjoni valida, peress li l-press card tiegħu kienet skadiet. Madankollu, din ir-risposta tinjora fatti kruċjali. Aħna segwejna l-proċeduri kollha kif suppost, u applikajna biex inġeddu l-akkreditazzjoni tagħna sa mill-2022. Minkejja dan, il-press card qatt ma waslet. Barra minn hekk aktar kmieni dan ix-xahar, applikajna biex inġeddu l-press card għall-perjodu 2025-2026. Dan kollu huwa dokumentat u jista’ jiġi vverifikat.

Meta dawn il-fatti ġew imressqa għall-attenzjoni ta’ uffiċjal fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, li fejn kien qed jiġi organizzata dan l-avveniment, xorta tħallejna barra. Għall-bidu, l-ispjegazzjoni mogħtija kienet li l-UHM, bħala firmatarja, ma setgħetx ikollha fotografu preżenti. Madankollu, meta ġbidna l-attenzjoni li l-portal tagħna għandu l-istess akkreditazzjoni tal-midja bħal ma għandu L-Orizzont – il-ġurnal tal-General Workers’ Union – xorta ġejna mċaħħda milli nidħlu għaċ-ċerimonja għax allegatament il-press card kienet skadiet.

Ta’ min jinnota li dan il-portal attenda bosta avvenimenti uffiċjali, inklużi dawk ta’ profil għoli bħall-briefing ta’ qabel il-Baġit u l-iffirmar ta’ ftehimiet kollettivi differenti, mingħajr ebda problema. Qatt qabel uffiċjali tal-gvern ma eżaminaw il-validità tal-press cards b’mod daqshekk rigoruż. Madankollu, f’din l-okkażjoni—bla dubju l-iktar ftehim sinifikanti ta’ dan it-tip—dan il-portal ġie suġġett għal livell ta’ skrutinju bla preċedent. Dan kollu għax tlabna  li nkunu preżenti li nieħdu ritratti ta’ dan il-ftehim.

Biex inkunu ċari, m’għandna l-ebda problema li  L-Orizzont jew xi mezz ieħor tal-midja jkunu preżenti għall-avveniment; għandhom kull dritt li jkunu hemm. Fil-fatt, kien grazzi għal L-Orizzont li konna nistgħu naqsmu ritratti taċ-ċerimonja ftit tal-ħin wara, hekk kif offrew l-għajnuna u bgħatulna r-ritratti tagħhom. Madankollu, l-esklużjoni selettiva ta’ dan il-portal timmina l-ispirtu tal-okkażjoni. Kieku l-aċċess kien ristrett għal mezzi kollha tal-midja, u kienu biss fotografi tal-gvern li ddokumentaw l-avveniment, wieħed seta’ forsi jifhem l-esklużjoni tagħna. Iżda li nkunu fil-mira aħna biss mhux hu aġir inġust, iżda wkoll ġudizzju żbaljat li tappan din il-ġurnata.

Ejja ma ninsewx li l-UHM kienet waħda mill-arkitetti ewlenin ta’ dan il-ftehim ikkumplikat. Dan il-portal ma stenniex trattament speċjali stenna biss trattament ugwali bħal ħaddieħor, f’ċerimonja li kienet ta’ interess dirett għal eluf ta’ familji u li fih il-UHM kienet protagonista.

Dan l-inċident jenfasizza l-bżonn għal aktar ġustizzja u konsistenza fl-aċċess tal-midja f’dan il-pajjiż. Nittamaw li dan kien episodju iżolat u li fil-futur  ftehimiet bħal dawn ikunu verament okkażjoni ta’ għaqda u ċelebrazzjoni