Kollox jgħaddi… anke s-suppost kwalità
It-tema għall-baġit tal-2025, ‘Pajjiż ta’ Kwalità,’ tindika xewqa ambizzjuża mill-gvern għal livell ogħla ta’ għajxien. Madankollu, jekk issir ftit riflessjoni tqum il-mistoqsija jekk dan hux pjan viżjonarju jew sempliċiment reazzjoni għal tnaqqis fil-popolarità fl-opinjoni pubblika. Biex il-kwalità ssir mira fuq livell nazzjonali, l-impatt tagħha għandu jinħass profondament f’oqsma li jaffettwaw direttament il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini, bħal tnaqqis fit-traffiku, il-preservazzjoni tal-ambjent, u l-promozzjoni ta’ bilanċ bejn li-ħajja u x-xogħol. Minflok, dan il-baġit jonqos milli jippreżenta l-politika fundamentali meħtieġa biex dawn l-isfidi urġenti ikunu indirizzati fit-tul.
Miżura fundamentali tal-kwalità hija, bla dubju, il-livell tal-għajxien. Madankollu, kif inhu, il-baġit tal-2025 ma jidhirx li joffri triq ċara. Kwistjonijiet bħat-traffiku, l-iżvilupp urban bla kontroll, u l-għibien ta’ spazji ħodor qed jiġu indirizzati b’mod superfiċjali, u ftit li xejn qed isir biex jiġu indirizzati l-isfidi reali li n-nies qed jiffaċċjaw. Eluf ta’ ħaddiema qed ikollhom jitilqu mid-dar sagħtejn qabel biss biex jaslu għax-xogħol fil-ħin, jaħlu sigħat twal maqbuda fit-traffiku u jissagrifikaw ħin prezzjuż mal-familji tagħhom. Il-baġit jonqos milli jindirizza kif il-koppji— li ħafna minnhom qed joqogħdu lura milli jibdew familja—jistgħu jħossuhom komdi li jrabbu t-tfal mingħajr ma jkollhom iħalluhom ic-child care centres. Id-dritt tat-trobbija qed jintilef.
Nuqqas evidenti ieħor huwa l-assenza ta’ inċentivi biex jiġu żviluppati spazji ħodor miftuħa. Minflok, jidher li qed inkomplu ninċentivaw aktar żvilupp minflok nagħtu prijorità biex isiru zoni rikreattivi. It-tkabbir ekonomiku, ukoll, jidher li mhux allinjat mal-kunċett ta’ kwalità. Minflok ma jiġu promossi industriji u impjiegi b’potenzjal għoli ta’ valur miżjud, l-enfasi għadha fuq ħaddiema bi ħlas baxx—mudell li jagħti prijorità lill-kwantità fuq il-kwalità, u jnaqqas l-attrazzjoni ta’ Malta bħala post fejn individwi b’ħiliet jistgħu jirnexxu.
Il-kwalità titkejjel ukoll b’mod intanġibbli bħall-integrità u governanza tajba, fejn il-gvern għandu rwol kruċjali x’jaqdi. Kwalità titlob amministrazzjoni li żżomm standards etiċi u taċċetta r-responsabbiltà meta dawk l-istandards jiġu miksura. Meta l-integrità tonqos u żbalji etiċi jgħaddu qisu xejn mhux xejn, il-fiduċja tan-nies tiddeterjora, u kull diskors fuq “kwalità” isir kliem fieragħ. Uffiċjali pubbliċi għandhom ikunu ta’ b’eżempju, u kull nuqqas—speċjalment dawk li jinvolvu ministri jew segretarji parlamentari—għandu jiġi indirizzat b’mod deċiżiv, inkella l-kwalità tispiċċa biss slogan.
Fl-aħħar mill-aħħar, il-wegħda ta’ “qabża fil-kwalità” fil-baġit tal-2025 tidher kemm xejn ’il bogħod. fl-aħjar. Minflok ma jpoġġi bażi għat-titjib reali, dan il-baġit jidher li hu attentat biex inraqqgħu l-pannu bil-qara aħmar aktar milli impenn ġenwin biex jiġu indirizzati l-isfidi fit-tul ta’ Malta.