L-iskema tal-passaporti għolliet il-prezzijiet tal-kirjiet u ftit li xejn ħalliet flus fl-idejn
L-iskema tal-passaport mhux qed tħalli flus fl-idejn fl-ekonomija, qed tagħmilha iktar diffiċli biex il-Maltin biex jikru propjetà u qed tattira applikanti minn ġurisdizzjonijiet b’riskji għoljin ta’ ħasil ta’ flus.
Dan it-tħassib tqajjem f’rapport li sar mill-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia li eżaminat l-impatti tal-iskema kontroversjali tal-passaport li ftit snin ilu nbidlet f’Golden Visa.
Imnedija fl-2016, l-iskema kienet meqjusa bħala miżura qawwija biex ikunu attirati individwi b’kapital għoli lejn Malta kif ukoll bħala sors ġdid ta’ dħul għall-pajjiż. Tmien snin wara, ir-rapport ta ħarsa lejn is-sitwazzjoni preżenti u għamel evalwazzjoni dwar il-problemi li kienet ħolqot din l-iskema kif ukoll il-benefiċċji li ġabet.
Mill-informazzjoni limitata li hemm disponibbli dwar din l-iskema, li minn dejjem kienet immexxija b’ċertu segretezza, il-parti l-kbira tad-domanda għall-Golden Visas ġejja miċ-Ċina. Madankollu, ir-rapport jinnota li meta l-informazzjoni ġiet mqabbla maċ-ċensiment tal-popolazzjoni deher li ħafna minn dawn l-applikanti ma jgħixux f’Malta. Fi kliem ieħor, jikru dawn il-proprjetajiet biss biex jikkonformaw ma’ rekwiżiti formali. Konsegwentement, l-effett ekonomiku kien limitat ħafna, bl-akbar benefiċċji jaslu biss fis-suq tal-propjetà, billi skont il-liġi dawn l-applikanti jridu jikru proprjetà b’valur ta’ madwar €1,000 fix-xahar. Ir-rapport iqajjem ukoll mistoqsijiet serji dwar jekk dawn il-proprjetajiet kinux qed jinkrew fl-istess ħin lil persuni oħra jew saħansitra jekk kienux qed jintużaw bħala residenza mis-sidien stess. Madankollu, id-domanda għal dawn il-proprjetajiet, li huma meqjusa fil-kategorija tal-klassi medja, qed tagħmilha aktar diffiċli Maltin prospettivi. Barra minn hekk, jirriżulta li numru sinifikanti ta’ dawn il-proprjetajiet mikrija jinsabu fl-irħula Għawdxin taż-Żebbuġ u Munxar – x’aktarx Marsalforn u Xlendi li huma parti minn dawn il-lokalitajiet rispettivi fejn hemm konċentrazzjoni għolja ta’ appartamenti għall-kiri.
Fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu, ir-rapport jgħid li jekk għandha tinżamm, din l-iskema trid issir aktar trasparenti. “Il-gvern għandu l-ewwel u qabel kollox jelimina l-kultura tas-segretezza u jiżgura li l-midja, is-soċjetà ċivili u l-pubbliku ġenerali jkunu jistgħu jispezzjonaw informazzjoni uffiċjali affidabbli u raġonevoli.” Min huma x-xerrejja tal-Golden Visas? Kif iġibu ruħhom wara x-xiri tal-Golden Visa? Kemm huma l-appartamenti li jikru u li huma mmexxija mis-sidien tal-istess kumpaniji li jipprovdu s-servizzi tal-visas? Min huma l-intermedjarji? Ir-rapport jgħid li dawn huma l-mistoqsijiet li għadhom bla tweġiba.
Rakkomandazzjoni oħra huma li jkun hemm aktar verifiki dwar id-donazzjonijiet li qed isiru lill-NGOs bħala parti mir-rekwiżiti tal-applikazzjoni. Ir-rapport jinnota li s-sistema one-stop shop li qed tintuża bħalissa hija vulnerabbli għal diversi forom ta’ abbuż inkluż kampanji politiċi moħbija. Minflok, l-applikanti għandhom ikunu ppreżentati b’għażla wiesgħa ta’ possibiltajiet permezz ta’ portal fuq l-internet, biex jiġi żgurat li l-benefiċjarji kollha potenzjali jiġu trattati bl-istess mod.
Madankollu, ir-rapport itemm bi twissija ċara – l-iskemi kollha ta’ dan it-tip madwar id-dinja kkaġunaw korruzzjoni, riskji lir-reputazzjoni tal-pajjiż u/jew inugwaljanza.