Titħajjar tibda karriera fis-settur tas-saħħa?
Qatt ikkunsidrajt li ssir tabib, infermier, spiżjar, fiżjoterapista, jew qed tesplora rwol ieħor fil-qasam tas-saħħa? Jekk inti interessat u tixtieq titgħallem aktar, għandek iżżur il-Fiera tal-Karrieri fis-Saħħa li se tkun organizzata nhar is-Sibt 9 u l-Ħadd 10 ta’ Novembru fil-Kulleġġ San Benedittu f’Ħal Kirkop.
L-avveniment huwa mmirat għal studenti prospettivi jew anke dawk li għandhom interess qawwi biex isiru jafu aktar dwar is-settur tas-saħħa. Din hi opportunità tajba biex titkellmu ma’ diversi esperti li se jaqsmu l-esperjenza tagħhom dwar x’tinvolvi l-ħidma f’dan il-qasam.
Se jkun hemm aktar minn 20 stand, kull wieħed dedikat għall-professjonijiet rispettivi fis-settur tas-saħħa – li jvarjaw minn infermiera, allied healthcare, tobba, fiżjoterapisti, podiatrists, dentisti, spiżjara, u oħrajn. Min iżur il-fiera se jkun jista’ jistaqsi direttament lil dawn il-professjonisti biex jitgħallem aktar dwar xogħolhom, ir-rekwiżiti biex tibda karriera, jew sempliċiment jisimgħu l-esperjenzi tagħhom. Barra minn hekk, se jkun hemm ambulanza għall-wiri, stand tad-dipartiment promozzjoni tas-saħħa, kif ukoll tinda li tintrema f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza.
Din tista’ tkun l-opportunità biex tibda karriera fis-settur tas-saħħa jew anke għal ġenituri li jixtiequ jsiru jafu aktar dwar l-opportunitajiet prospettivi għall-uliedhom.
L-avveniment huwa organizzat mill-People Management Division, fil-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva.
Il-fiera se tkun miftuħa bejn id-9am u l-4pm fid-9 ta’ Novembru u bejn id-9am u l-1pm fl-10 ta’ Novembru. Se jkun hemm faċilità ta’ parkeġġ u d-dħul se jkun bla ħlas.
Agħfas hawn għal iktar dettalji.