Lost in Europe rebaħ il-Premju Daphne Caruana Galizia għall-Ġurnaliżmu 2024 għall-investigazzjoni tiegħu dwar l-għajbien ta’ aktar minn 50,000 migrant minorenni mhux akkumpanjat.

Din l-investigazzjoni, immexxija mill-media fil-Ġermanja, l-Italja, il-Greċja, in-Netherlands, il-Belġju, l-Irlanda u r-Renju Unit, skopriet li mill-inqas 51,433 migrant minorenni mhux akkumpanjati għebu wara li waslu f’pajjiżi Ewropej bejn l-2021 u l-2023.

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, il-Viċi President Pina Picierno, li hija responsabbli għall-Premju, u r-rappreżentanti tal-Ġurija indipendenti tal-Premju, li hija mifruxa mal-Ewropa kollha, ħadu sehem fiċ-ċerimonja tal-għoti tal-premju li saret fis-Sala tal-Istampa Daphne Caruana Galizia tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu.

Il-President Metsola qalet: “Il-ħidma ta’ Daphne Caruana Galizia jkompli permezz tal-ħidma ta’ ġurnalisti li l-missjoni ta’ ħajjithom hi li jgħidu l-verità u jirrifjutaw li jiġu msikkta. Il-ġlieda tagħhom għall-ġustizzja tirbaħ fuq it-theddid li jipprova jfixkel il-ħidma importanti tagħhom. Il-libertà tal-istampa mhijiex negozjabbli. Seba’ snin wara l-qtil ta’ Daphne, inkomplu nonoraw il-memorja tagħha bi premju li jfakkarna fl-impenn fit-tul ta’ dan il-Parlament għal dawn il-valuri fundamentali.”

Bejn it-3 ta’ Mejju u l-31 ta’ Lulju 2024, mijiet ta’ ġurnalisti mis-27 pajjiż tal-UE ssottomettew l-istejjer tagħhom biex jiġu kkunsidrati. Il-ġurija għażlet tlettax mit-318-il sottomissjonijiet qabel ma ntgħażel ir-rebbieħ.

Dwar l-Istorja Rebbieħa

Il-proġett Lost in Europe kixef ir-realtà xokkanti li kuljum, mill-2021 lil hawn, medja ta’ 47 tifel u tifla sparixxew wara li waslu fl-Ewropa.

L-informazzjoni miġbura minn Lost in Europe minn 31 pajjiż Ewropew, inkluż l-Awstrija, il-Ġermanja, u l-Italja, turi li għexieren ta’ eluf ta’ migranti minorenni sparixxew.

L-investigazzjoni, li damet għaddejja xhur sħaħ, turi li l-għadd ta’ migranti minorenni li sparixxew jista’ jkun saħansitra ogħla, peress li dokumentazzjoni inkonsistenti u n-nuqqas ta’ ġbir ta’ informazzjoni minn xi pajjiżi jikkontribwixxu għal lakuni sinifikanti fir-rapportar.

Din l-investigazzjoni tibni fuq ir-riċerka tal-2021 ta’ Lost in Europe, li sabet li bejn l-2018 u l-2020 fl-Ewropa għebu aktar minn 18,000 migrant minorenni.

Aagje Leven, is-Segretarja Ġenerali ta’ Missing Children Europe, qalet li dawn iċ-ċifri huma biss “dawk li nafu bihom”, peress li għadhom qed jisparixxu aktar migranti minorenni b’rati allarmanti fl-Ewropa. Hemm il-biża’ li ħafna minnhom jisfaw vittmi ta’ traffikar tal-bnedmin u skjavitù modern.

Il-konsorzju ta’ ġurnalisti li wettaq din l-investigazzjoni kien kompost minn ġurnalisti minn De Standaard (il-Belġju), Small Stream Media (in-Netherlands), RBB (il-Ġermanja), Knack (il-Belġju), ANSA (l-Italja), Domani (l-Italja), CNN (ir-Renju Unit/l-Istati Uniti), VRT (il-Belġju), Εfimerida ton Syntakton (il-Greċja), The Journal (l-Irlanda), Tagesschau (il-Ġermanja) u NRC (in-Netherlands).

Dwar il-Premju

Il-Premju Daphne Caruana Galizia nħoloq permezz ta’ deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew f’Diċembru 2019 biex titfakkar Daphne Caruana Galizia li nqatlet f’attakk b’karozza bomba fl-2017.

Il-Premju jingħata kull sena (fl-anniversarju mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia) għal ġurnaliżmu eċċellenti li jippromwovi jew jiddefendi l-prinċipji u l-valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea bħad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem.

Ġurnalisti professjonali u timijiet ta’ ġurnalisti professjonali ta’ kwalunkwe nazzjonalità jistgħu jissottomettu xogħlijiet li jkunu ġew ippubblikati jew imxandra mill-media bbażata f’wieħed mis-27 stat membru tal-Unjoni Ewropea. L-għan huwa li jiġi appoġġjat il-ġurnaliżmu professjonali u tiġi enfasizzata l-importanza tiegħu għall-ħarsien tal-libertà, l-ugwaljanza u l-opportunità.

Il-ġurija indipendenti hija komposta minn rappreżentanti tal-istampa u tas-soċjetà ċivili mis-27 Stat Membru tal-UE u rappreżentant tal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Ġurnalisti.

Il-Premju, kif ukoll l-€20,000 li huma marbuta miegħu, juri l-appoġġ qawwi tal-Parlament Ewropew għall-ġurnaliżmu investigattiv u l-istampa ħielsa.