Il-Kumitati għall-Affarijiet Barranin u għall-Iżvilupp tal-Parlament Ewropew għażlu t-tliet finalisti għall-Premju Sakharov 2024. Wara vot sigriet, il-MPE għażlu t-tliet finalisti għall-Premju Sakharov 2024 għall-Ħelsien tal-Ħsieb. Dawn huma, f’ordni alfabetiku:

  • Dr Gubad Ibadoghlu, akkademiku u attivist kontra l-korruzzjoni fl-Ażerbajġan;
  • María Corina Machado, bħala mexxejja tal-forzi demokratiċi fil-Venezwela, u l-President elett Edmundo González Urrutia, li jirrappreżenta lill-Venezwelani kollha ġewwa u barra l-pajjiż li qed jiġġieldu biex jerġgħu jiksbu l-libertà u d-demokrazija;
  • “Women Wage Peace” u “Women of the Sun,” Iżrael/Palestina.

Sib il-bijografiji tal-kandidati u l-finalisti billi ssegwi din il-link.

Passi li jmiss

Il-Konferenza tal-Presidenti (il-President tal-PE Roberta Metsola u l-mexxejja tal-gruppi politiċi) se tagħżel ir-rebbieħ tal-Premju Sakharov għall-Ħelsien tal-Ħsieb 2024 nhar il-Ħamis 24 ta’ Ottubru. Ir-rebbieħ jew rebbieħa jiġu mħabbra immedjatament wara fis-sessjoni plenarja fi Strasburgu.

Iċ-ċerimonja tal-premjazzjoni, li tinkludi għotja ta’ €50,000 lir-rebbieħ jew rebbieħa, se ssir matul is-sessjoni plenarja ta’ Diċembru fi Strasburgu.

Sfond

Imsemmi għal Andrei Sakharov, fiżiku u dissident politiku Sovjetiku li kien qabel li ismu jintuża, il-Premju Sakharov għall-Ħelsien tal-Ħsieb huwa l-ogħla premju Ewropew għad-drittijiet tal-bniedem.

Kull sena minn meta twaqqaf fl-1988, il-Parlament Ewropew jagħti dan il-premju lil individwi jew organizzazzjonijiet bħala rikonoxximent tax-xogħol tagħhom f’wieħed minn dawn l-oqsma: id-difiża tad-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari l-libertà tal-espressjoni, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-minoranzi, ir-rispett għal-liġi internazzjonali, l-iżvilupp tad-demokrazija u d-difiża tas-saltna tad-dritt.

Ħafna rebbieħa ta’ dan il-premju għamlu xogħol denju, inkluż Nelson Mandela u Anatoly Marchenko fl-ewwel edizzjoni, kif ukoll dissidenti, mexxejja politiċi, ġurnalisti, avukati, attivisti tas-soċjetà ċivili, in-Nazzjonijiet Uniti u attivista tfajla għad-dritt għall-edukazzjoni.

Diversi rebbieħa tal-Premju Sakharov rebħu wkoll il-Premju Nobel għall-Paċi, bħal Nelson Mandela, Malala Yousafzai, Denis Mukwege u Nadia Mourad.

Għal lista tar-rebbieħa preċedenti, ikklikkja hawn. Fl-2023, il-Premju Sakharov għall-Ħelsien tal-Ħsieb ingħata lil Jina Mahsa Amini u l-moviment “Mara, Ħajja, Libertà” fl-Iran.