Il-bidliet demografiċi radikali tal-Gżejjer Maltin tal-aħħar għaxar snin li kienu karatterizzati minn influss kbir ta’ ħaddiema barranin, ħarġu bis-sħiħ f’rapport riċenti tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika.

Jirriżulta li n-numru ta’ barranin żdied bi kważi 700% – żieda ta’ seba’ darbiet minn 23,365 fl-2012 għal 158,369 fl-2023 – li jissarraf għal 28% tal-popolazzjoni kollha. Matul dan il-perjodu, il-bidla demografika kienet aktar evidenti fid-dawl tal-fatt li l-popolazzjoni Maltija baqgħet stabbli b’żieda żgħira ta’ 6,976, jew 2% biss. L-influss ta’ ħaddiema barranin, l-aktar minn pajjiżi mhux tal-UE, wassal biex il-popolazzjoni f’Malta żdiedet b’34% fi 11-il sena biss. Minħabba d-daqs ġeografiku ta’ Malta, din iż-żieda qanqlet tħassib dwar is-sostenibbiltà minħabba d-densità għolja ħafna tal-popolazzjoni. Bħalissa Malta tikklassifika bħala t-tmien pajjiż l-aktar popolat fid-dinja b’1,700 ruħ kull metru kwadru. Stati Mediterranji oħra bħal Ċipru jikklassifikaw ħafna aktar l-isfel b’densità ta’ popolazzjoni ta’ 136 ruħ kull metru kwadru.

Analiżi aktar profonda minn perspettiva ġeografika tiżvela li d-Distrett tan-Nofsinhar tal-Port (Il-Belt Valletta, Il-Birgu, L-Isla, Bormla, Ħaż‐Żabbar, Il-Fgura, Il-Furjana, Il-Kalkara, Ħal Luqa, Il-Marsa, Raħal Ġdid, Santa Luċija, Ħal Tarxien, Ix-Xgħajra) għadda mill-akbar trasformazzjoni. F’din il-parti tal-gżira, in-numru ta’ barranin żdied b’10 darbiet fi 11-il sena biss. L-impatt kien jinħass saħansitra aktar peress li fl-istess perjodu l-popolazzjoni ta’ Maltin f’dak ir-reġjun naqset b’4,015 jew 5%. Għalhekk, il-porzjoni ta’ barranin fir-Reġjun tan-Nofsinhar tal-Port tela’ għal 18%.

L-akbar konċentrazzjoni ta’ barranin jgħixu fid-Distrett tat-Tramuntana tal-Port (Ħal Qormi, Birkirkara, Il-Gżira, Il-Ħamrun, L-Imsida, Pembroke, Tal‐Pietà, San Ġiljan, San Ġwann, Santa Venera, Tas‐Sliema, Is-Swieqi, Ta’ Xbiex). Sa tmiem is-sena li għaddiet, kważi nofs il-popolazzjoni ta’ dan ir-reġjun (41%) kienet barranija u kienet tammonta għal 72,454 – żieda qawwija minn 9,342 fl-2012.

It-tieni l-ogħla numru ta’ barranin jinsabu fid-Distrett tat-Tramuntana (Ħal Għargħur, Il-Mellieħa, L-Imġarr, Il-Mosta, In-Naxxar, San Pawl il-Baħar) fejn sal-aħħar tas-sena li għaddiet il-barranin kienu jammontaw għal 36% tal-popolazzjoni.

Il-bidliet demografiċi laqtu wkoll lil Għawdex, fejn in-numru ta’ barranin żdied b’9,218 u issa jammonta għal madwar kwart tal-popolazzjoni tal-gżira (23%).