Minkejja inċentivi biex il-flotta tal-karozzi f’Malta tiġi mmodernizzata biex jitnaqqsu l-emissjonijiet, jirriżulta li fl-aħħar erba’ snin żdiedet l-età medja tal-vetturi tal-passiġġieri. Filwaqt li fl-2019 l-età medja tal-karozzi tal-passiġġieri fit-toroq Maltin kienet ta’ 14.26-il sena sal-2023 kienet telgħet għal 15.73-il sena. Dawn iċ-ċifri kienu żvelati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, fl-Istatistika Reġjonali tal-2024.

B’kuntrast, skont iċ-Ċentru ta’ Informazzjoni Finlandiż tas-Settur tal-Karozzi l-età medja tal-karozzi tal-passiġġieri madwar l-UE fl-2022 kienet ta’ 12.3-il sena.

Indikatur ieħor, forsi wieħed aktar affidabbli, huwa l-Eurostat li jindika li Malta hi fost grupp ta’ pajjiżi tal-UE li għandhom l-aktar flotta ‘xiħa’ ta’ karozzi. Jirriżulta li f’Malta n-numru ta’ karozzi ‘qodma’ tal-passiġġieri – li għandhom 20 sena jew aktar – fl-2023 kien ta’ 26.3% li bejn wieħed u ieħor jammonta għal waħda minn kull erba’ karozzi tal-passiġġieri. L-uniċi pajjiżi fejn hemm iktar karozzi qodma huma r-Rumanija (33.2%), il-Finlandja u l-Estonja (32.3%), il-Polonja (29.3%) u l-Portugall (27.8%).

Min-naħa l-oħra, il-Lussemburgu jinsab fuq quddiem fil-lista tal-‘iżgħar’ karozzi tal-passiġġieri – dawk li għandhom inqas minn sentejn – għax għandhom 18.9% tal-flotta f’din il-kategorija, segwit mill-Ġermanja (14.8%), l-Iżvezja (14.2%), il-Belġju ( 13.7%), l-Irlanda (13.1%), l-Awstrija (12.6%) u l-Olanda (12.3%). Ir-rata rispettiva għal Malta hija ta’ 5.38% biss ,jiġifieri madwar waħda minn kull 20 karozza għandha inqas minn sentejn. Dawn iċ-ċifri jindikaw li f’Malta, karozzi second hand għadhom jikkostitwixxu biċċa kbira mill-vetturi. Barra minn hekk, il-bidla għal karozzi elettriċi tista’ toħloq saħansitra aktar sfidi għall-immodernizzar tal-flotta, peress li minkejja l-għotjiet tal-gvern, il-vetturi elettriċi għadhom mhumiex affordabbli għall-maġġoranza tal-poplu.

Analiżi aktar profonda taċ-ċifri tal-NSO turi xi varjazzjonijiet ġeografiċi fejn tidħol l-età tal-karozzi. L-iżgħar flotta tinsab fir-reġjun tat-Tramuntana b’età medja ta’ 14.73-il sena, filwaqt li l-eqdem tinsab fir-reġjun tal-port tan-Nofsinhar bi 17.11-il sena.