Kritika tal-Awditur Ġenerali għall-mod kif il-LESA qed timxi dwar ċitazzjonijiet mhux imħallsa
L-aġenzija tal-infurzar lokali ta’ Malta (LESA) qed tiffaċċja problemi kbar biex tiġbor id-djun pendenti minn kontravenzjonijiet mhux imħallsa tant li kienet kritikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) għall-mod dgħajjef li qed timxi bih fil-konfront ta’ dawk li mhux jonoraw il-ftehimiet biex jitħallas dan id-dejn. Sitwazzjoni bħal din probabbilment tqanqal sens ta’ rabja fost dawk li jirrispettaw il-liġi għax iħossu li donnu, l-awtorità qed tkun b’saħħitha maż-żgħir u dgħajfa ma’ min hu b’saħħtu.
Il-kritika dwar il-LESA saret f’rapport li l-NAO ħareġ dan l-aħħar fejn analizza l-progress li kien sar dwar rakkomandazzjonijiet li kienu saru fl-2019 meta dan l-Uffiċċju kien indika diversi nuqqasijiet, partikularment €9 miljun fi djun fuq ċitazzjonijiet mhux imħallsa
L-NAO qal li fuq kwistjonijiet bħad-diffikultà fil-ġbir ta’ kontravenzjonijiet li ilhom pendenti, id-diskrepanzi bejn il-bilanċi pendenti u l-ftehimiet għall-ħlasijiet ta’ multi pendenti u l-każijiet ta’ meta il-kundizzjonijiet tal-ħlas ma kinux qed jiġu rispettati, il- progress kien insinifikanti, jiġifieri ftit li xejn.
Kontravvenzjonijiet fit-tul
Fl-2019 l-NAO kien indika li fil-perjodu ta’ erba’ snin minn meta twaqqfet il-LESA sa Diċembru 2019, kien hemm aktar minn €6 miljun f’multi li kienu ilhom pendenti iktar minn sena minn total ta’ €56.2 miljun f’multi li kienu inħarġu. Konsegwentement, l-aġenzija kienet ġiet imħeġġa tieħu l-azzjoni meħtieġa billi tibda diskussjonijiet f’livell Ministerjali biex tfassal mekkaniżmu ta’ infurzar aktar strett għall-ġbir ta’ multi pendenti, speċjalment fejn ma kien hemm l-ebda possibbiltà ta’ aktar penali.
Jirriżulta li f’Ġunju 2020, il-LESA introduċiet l-għażla ta’ kuntratti ta’ ġbir ta’ dejn mifruxa fuq pagamenti bin-nifs sa 12-il xahar. Madankollu, ir-restrizzjoni biex tiġġedded il-liċenzja tal-vettura titneħħa wara l-ewwel pagament. Madankollu, sa Novembru 2022 l-aġenzija rkuprat biss €100,000. Xhieda ta’ dan kien il-fatt li minn kampjun ta’ 16-il ftehim, li kienu analizzati ħareġ li l-Aġenzija kienet kemxejn dgħajfa ma’ dawk li ma baqgħux iħallsu minħabba li ma ttieħdet ebda azzjoni konkreta kontrihom. Każijiet ta’ ammonti li baqgħu pendenti, anke dawk li qabżu l-iskadenza ta’ 12-il xahar koperti mill-ftehim, mhux dejjem ġew segwiti. Barra minn hekk, xi drabi, l-avviżi tal-ħlas ma ġewx mibgħuta fl-indirizz tajjeb, u għalhekk kien probabbli ħafna li min ma kienx qed iħallas ma kienx irċieva din it-twissija finali. L-NAO qal li jekk ma jiġux indirizzati b’mod adegwat, l-ammonti inkwistjoni dawn se jibqgħu mhux miġbura.
Diskrepanza bejn ftehimiet ta’ ħlas ta’ bilanċi pendenti
Fl-2019 l-NAO kien savb li 3.25% biss tal-kontravenzjonijiet pendenti kienu koperti minn ftehim ta’ ħlas jiġifieri, minn €7.9 miljun f’dejn, kienu biss €257,000 koperti minn tali ftehim. Dak iż-żmien kien innutat li ma kienet ngħatat l-ebda spjegazzjoni plawsibbli għal din id-diskrepanza.
Irriżulta li sa Novembru 2022 l-aġenzija kellha 446 ftehim ta’ ħlas li kienu miftuħa bil-għan li tirkupra €1.03 miljun f’multi pendenti. Madankollu, fid-dawl tal-fatt li l-livell ta’ multi pendenti kien qabeż it-€18-il miljun, anke l-LESA ammettiet li dan kien titjib żgħir wisq.
Ftehimiet ta’ ħlas li mhux qed jiġu onorati
Kif intqal qabel, l-NAO kien indika li l-ftehimiet ta’ ħlas ma’ sidien ta’ vetturi li kellhom lista twila ta’ kontravenzjonijiet ma kinux qed jiġu onorati. L-NAO innota li bl-eċċezzjoni ta’ każ wieħed, it-termini ta’ ħlas miftiehma minn fost kampjun ta’ 16-il persuna analizzati, ma ġewx rispettati. Tlettax minn dawn il-ftehimiet saru fl-2021 jew qabel, u għalhekk kienu mistennija jiġu onorati bis-sħiħ sal-aħħar tal-2022. Ġie nnutat ukoll li, 12 mill-ftehimiet fil-kampjun imsemmija kienu segwiti minn avviżi ta’ ħlas, li jindikaw il-bidu ta’ azzjoni legali jekk jibqa’ ma jsirx ħlas. Madankollu, minkejja li l-ħlasijiet baqgħu ma sarux, ma ttieħdet l-ebda azzjoni korrettiva. Ġie kkonfermat li azzjoni legali nbdiet biss kontra dawk li kellhom l-ogħla ammonti.