Eko-Għawdex jew Lego-Għawdex?
F’dan iż-żmien tas-sena ħafna jiddeċiedu li jmorru Għawdex għall-ftit mistrieħ u biex iħejju ruħhom għall-ġimgħat u x-xhur li ġejjin peress li aktarx mhux se jkun hemm ħafna opportunitajiet bħal dawn qabel żmien il-Milied. Sal-lum Għawdex għandu l-karatteristiċi uniċi tiegħu bħala l-post b’karatteristiċi speċjali. Madankollu, dan l-istatus qed jiġi mhedded dejjem aktar minn diversi fatturi bħar-regħba, popolazzjoni li tikber f’daqqa u ppjanar ħażin.
Sa ftit snin ilu l-politika għal Għawdex kienet ibbażata fuq l-idea li jkun tkun gżira ekoloġika, peress li fortunatament l-ambjent kien fi stat tajjeb. Għalkemm pjan bħal dan kellu d-difetti tiegħu u xi minn daqqiet ma kienx jingħata l-importanza li jistħoqqlu, għallinqas kien hemm ir-rieda politika li jsir xi ħaġa għall-ġid komuni.
Sfortunatament, f’dawn il-jiem din l-idea tidher li ġiet relegata fil-qiegħ bl-ogħla prijorità tkun l-iżvilupp żejjed anke akkost li l-ambjent imur minn taħt. Biex tgħaxxaq postijiet bħal Marsalforn qed jiġu mgħobbija bi problemi soċjali, li qed jagħtu lok għal kwistjonijiet ta’ sigurtà pubblika.
Għalkemm hemm min qed jappunta subajgħ lejn ċertu żviluppaturi, fl-aħħar mill-aħħar id-deċiżjonijiet qed jieħduhom il-leġiżlaturi, l-awtorità tal-ippjanar u l-partiti politiċi. Sakemm ċerti oxxenitajiet ta’ ppjanar u żviluppi fuq art verġni se jitqiesu aċċettabbli, dawn il-proġetti kontroversjali jibqgħu jaraw id-dawl tal-ġurnata. Sfortunatament, partijiet minn Għawdex diġà qed jinbidlu f’estensjoni ta’ Malta. Dan jidher biċ-ċar fil-pajsaġġ urban ta’ ċerti bliet u rħula fejn il-knisja parrokkjali m’għadhiex tiddomina għax qed tindifen minn binjiet goffi. L-istorja issa tgħallimniha. Kollox jibda meta jinħareġ permess biex ikun hemm binja waħda għolja li tistona mal-madwar f’zona jew triq partikolari, u din tkun ta’ preċedent biex fil-kumplament tat-triq jitwaqqa’ l-bini u jitla’ wieħed b’erba’ sulari jew aktar.
Deċiżjonijiet bħal dawn li ma jħarsux lejn l-impatt li se jkun hemm fuq tul ta’ żmien iżda fejn il-prijorità tkun hemm se jdaħħlu flus is-sidien tal-proprjetà, il-kuntratturi u l-industrija tal-kostruzzjoni għandhom konsegwenzi gravi. Kemm se ndumu sejrin hekk? Kemm jiflaħ Għawdex jibqa’ jaqla ġo fih mingħajr ma jkunu medda iċ-ċentri tal-irħula, il-widien u l-pajsaġġ rurali tiegħu? Bla dubju, Għawdex mhux se jattira aktar viżitaturi jekk ma jkun fadal xejn x’jara ħlief bricks, konkos, traffiku u żvilupp esaġerat. Dak li Malta u Għawdex verament għandhom bżonn huwa reviżjoni komprensiva fil-liġijiet tal-ippjanar li jħeġġu r-restawr u tip ta’ ippjanar urban li jiffaċilita kwalità ta’ ħajja aħjar. Barra minn hekk, iż-żewġ partiti politiċi jridu jiddeċiedu fejn tinsab il-lealtà tagħhom – jekk humiex man-naħa tal-poplu jew jekk humiex lesti li jikkompromettu ruħhom billi jbigħu r-ruħhom lil ftit magħżula biex jakkwistaw il-flus. Dak l-istadju li fih l-Eko-Għawdex jinbidel għal-Lego-Għawdex (post mimli bricks u xejn aktar) jista’ jkun ferm eqreb milli naħsbu. Ejjew ma noqtlux it-tiġieġa li tbid il-bajd tad-deheb.