15% biss tas-siti spezzjonati kienu konformi mar-regoli tal-KNPD
Inqas minn waħda minn kull sitt binjiet spezzjonati mill-Kummissjoni Nazzjonali ta’ Persuni b’Diżabilità (KNPD) fl-2021 instabu li kienu konformi mal-istandards minimi ta’ aċċessibbiltà. Ir-rata hi ta’ tħassib kbir peress li timmarka deterjorament sinifikanti fuq is-sena ta’ qabel meta ċ-ċifra rispettiva kienet ta’ 43%.
Dettalji dwar l-ispezzjonijiet imwettqa mill-KNPD ġew pubblikati fir-rapport annwali tal-2021. Jirriżulta li s-sena l-oħra uffiċjali mit-taqsima tal-infurzar wettqu 188 spezzjoni f’binjiet biex jaraw jekk jikkwalifikawx biex jingħataw compliance certificate. F’kas li dan iċ-ċertifikat ma jinħariġx ma jkunx jista’ jingħata d-dawl u l-ilma u l-elettriku. It-taqsima tal-infurzar irrapportat li minn 188 spezzjoni, 28 biss jew 15% instabu li kienu konformi. Dan ifisser li 85% tas-siti (160) ma laħqux il-livelli mistennija u tqiesu bħala mhux konformi.
Fl-2020 il-KNPD wettqet 307 spezzjoni, li minnhom 133 biss issodisfaw il-kriterji għall-ħruġ ta’ ċertifikat ta’ konformità. Il-174 każ li jifdal, li kienu jammontaw għal 57% tal-ispezzjonijiet totali li saru, ma kienux konformi.
Kelliema għall-KNPD qalet lil Voice of the Workers Weekly li t-tnaqqis fin-numru ta’ spezzjonijiet fl-2021 kien dovut għal COVID-19. Id-dewmien fl-importazzjoni ta’ prodotti bħal liftijiet fisser li l-bini ma kienx qed jitlesta fil-ħin, u dan wassal għal dewmien biex isiru l-applikazzjonijiet għal ċertifikati ta’ konformità, il-kelliema qalet.
Mir-rapport annwali jirriżulta wkoll li fl-2021 it-taqsima tal-infurzar irċeviet 6,096 applikazzjoni għall-iżvilupp mill-Awtorità tal-Ippjanar biex isir skrutinju tagħhom. Madankollu, 3,602 ma kinux jaqgħu taħt il-mandat tal-KNPD filwaqt li 639 oħra ġew esklużi peress li kienu jaqgħu taħt kategorija speċjali regolata minn dik magħrufa bħala Ċirkolari 2/14 tal-Awtorità tal-Ippjanar. Għalhekk, mill-1,855 applikazzjoni li fadal, il-KNPD approvat 1,069 u oġġezzjonat għal 786. F’dawn tal-aħħar l-applikant jista’ jintalab jirrevedi l-pjanti aktar minn darba sakemm jitqiesu bħala sodisfaċenti.
Madankollu, hemm każijiet li fihom l-applikant jista’ jitlob eżenzjoni minn ċertu obbligi għal raġuni teknika jew minħabba n-nefqa involuta. F’dak il-każ, hemm provediment taħt l-Att Opportunitajiet Indaqs għal Kulħadd (Persuni b’Diżabilità), li fih l-applikant jista’ jressaq każ quddiem il-Bord tat-Test ta’ Raġonevolezza (ToRB). Jekk il-Bord jilqa’ t-talba, jista’ jagħti eżenzjoni.
Fl-2021, dan il-bord sema’ 87 każ għal eżenzjoni li minnhom 26 biss ġew milqugħa. Madankollu, kien hemm żewġ każijiet li fihom ingħatat eżenzjoni parzjali, filwaqt li 18-il talba oħra ġew milqugħa b’ċerti kundizzjonijiet. In-numru ta’ talbiet li ġew miċħuda kien ta’ 28, filwaqt li t-13-il każ li kien fadal kienu jinvolvu talbiet li jew ġew irtirati, tibdil fil-pjanti jew ma setgħux jiġu kkunsidrati peress li l-applikant naqas milli jissottometti l-informazzjoni kollha mitluba.