Il-MPE jibdew jirrevedu r-regoli dwar l-elezzjonijiet tal-UE jitolbu kostitwenza pan-Ewropea
Il-Parlament beda r-riforma tal-Att Elettorali Ewropew, bl-għan li jibdel 27 elezzjoni separata u r-regoli diverġenti kollha tagħhom f’elezzjoni Ewropea unika. Nhar it-Tlieta, il-Parlament adotta rapport ta’ inizjattiva leġiżlattiva li għandu l-għan li jibdel ir-regoli tal-elezzjonijiet Ewropej. Il-proposta ġiet approvata b’323 vot favur, 262 vot kontra u 48 astensjoni. Ir-riżoluzzjoni li akkumpanjat il-proposta ġiet adottata b’331 vot favur, 257 vot kontra, u 52 astensjoni.
Taħt is-sistema li fasslu l-MPE, kull votant għandu jkollu żewġ voti: wieħed biex itella’ MPE mill-kostitwenzi nazzjonali, u ieħor f’kostitwenza tal-UE kollha, magħmula minn 28 siġġu addizzjonali. Biex tiġi garantita rappreżentanza ġeografika bilanċjata f’dawn il-listi, l-Istati Membri jinqasmu fi tliet gruppi skont id-daqs tal-popolazzjoni tagħhom. Il-listi jimtlew b’kandidati li jkunu ġejjin minn dawn il-gruppi b’mod proporzjonat. Listi ta’ kandidati għall-UE kollha għandhom jiġu sottomessi mill-entitajiet elettorali Ewropej, bħall-koalizzjonijiet tal-partiti politiċi nazzjonali u/jew assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-votanti jew il-partiti politiċi Ewropej.
Il-Parlament irid ukoll jindirizza l-inugwaljanza bejn il-ġeneri, u rrileva li minkejja t-titjib ġenerali fl-aħħar elezzjonijiet, xi pajjiżi ma eleġġew lanqas mara waħda bħala MPE. It-test jipproponi “listi forma ta’ żipp” (jiġifieri li jalternaw bejn kandidati nisa u rġiel) jew kwoti, mingħajr ma jinkisru d-drittijiet ta’ nies mhux binarji.
Fost proposti oħra ta’ insibu:
- id-9 ta’ Mejju bħala l-jum ta’ votazzjoni Ewropea komuni;
- id-dritt li l-Ewropej kollha minn 18-il sena ’l fuq jikkontestaw l-elezzjoni;
- limitu elettorali minimu ta’ 3.5% obbligatorju għall-kostitwenzi ta’ 60 siġġu jew aktar;
- aċċess ugwali għall-elezzjonijiet għaċ-ċittadini kollha, inklużi dawk b’diżabbiltà u l-opportunità tal-votazzjoni bil-posta,
- d-dritt li l-kandidati jivvutaw għall-President tal-Kummissjoni f’sistema ta’ “kandidat ewlieni” (Spitzenkandidaten) permezz ta’ listi għall-UE kollha.
Awtorità Elettorali Ewropea ġdida titwaqqaf biex tissorvelja l-proċess u tiżgura l-konformità mar-regoli l-ġodda.
Il-passi li jmiss
Kif stabbilit fl-Artikolu 223 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-inizjattiva leġiżlattiva tal-Parlament tkun teħtieġ l-approvazzjoni unanima tal-Kunsill. Imbagħad terġa’ tiġi lura l-Parlament biex il-MPE jkunu jistgħu japprovawha, qabel ma tiġi approvata mill-Istati Membri kollha skont ir-rekwiżiti kostituzzjonali rispettivi tagħhom. In-negozjati mal-Kunsill se jibdew meta l-Istati Membri jadottaw il-pożizzjoni tagħhom.
Il-kuntest
L-Att Elettorali Ewropew imur lura għall-1976 (emendat fl-2002 u fl-2018, għalkemm l-aħħar emenda għadha ma daħlitx fis-seħħ). Fih xi prinċipji komuni li għandhom jiġu rispettati mil-liġijiet tal-Istati Membri dwar l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew. Madankollu, l-Att kurrenti ma jagħtix definizzjoni ta’ sistema elettorali uniformi applikabbli madwar l-UE.