L-importanza tal-liberta’ tal-espressjoni għat-tisħiħ tal-bniedem
L-assassinju tal-ġurnalista u blogger Daphne Caruana Galizia fis-16 ta’ Ottubru jġiegħlna nistaqsu: għaliex il-liberta’ tal-espressjoni hi daqshekk importanti?
Skont id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-liberta’ tal-espressjoni hi d-dritt ta’ kull individwu sabiex jesprimi l-opinjonijiet tiegħu mingħajr indħil u li jfittex, jirċievi u jaqsam l-informazzjoni u l-ideat permezz tal-media.
Il-liberta’ tal-espressjoni hi mezz biex tikkomunika l-ideat u hi essenzjali għall-progress u l-iżvilupp tal-bniedem. Il-liberta’ tal-espressjoni hi kruċjali għal soċjeta’ demokratika sabiex il-problemi jkunu solvuti mingħajr vjolenza u li wieħed jirrispetta d-dritt tal-individwu biex ikun individwu.
Id-dibattitu jagħmel il-ġid lis-soċjeta’ u jinkoraġġixxi l-ħsieb kritiku. Hu vitali li lkoll kemm aħna għandna naqbżu għad-dritt tal-liberta’ tal-espressjoni, naqbżu għal oħrajn li ma jistgħux igawdu minnu kif ukoll naqbżu għal dawk li għandhom id-dritt li ma jaqblux mal-opinjonijiet tagħna.
Il-liberta’ tal-espressjoni hi importanti ħafna għas-soċjeta’ għax hi parti essenzjali mis-saltna tad-dritt; hi għodda importanti sabiex niġġieldu l-korruzzjoni, l-inkompetenza u l-amministrazzjoni ħażina fil-gvern u gruppi b’saħħithom oħrajn fis-soċjeta’.
Il-liberta’ li nikkritikaw ideat jew metodi ħżiena, inadekwati jew inferjuri hi strumentali sabiex nassiguraw li s-soċjeta’ tkun dinamika biżżejjed ħalli tinbidel bi tweġiba għal sfidi differenti li tista’ tħabbat wiċċha magħhom fil-ġejjieni. Soċjetajiet li ma jinbidlux skont in-neċessita’, fl-aħħar mill-aħħar, ifallu.
Il-pubbliku ġenerali jkun iżjed kuntent u aktar impenjat lejn soċjeta’ fejn huma jkunu ħielsa biex isemmgħu t-tħassib tagħhom. Dan hu għall-benefiċċju ta’ kulħadd.
Il-qtil brutali ta’ Daphne Caruana Galizia wassal messaġġ lill-ġurnalisti: sabiex ma jibżgħux u ma jisktux, sabiex ma jaqtgħux qalbhom wara dan l-assalt fuq il-liberta’ tal-espressjoni – liberta’ li Daphne Caruana Galizia tant ħaddnet u li, x’aktarx kaġun tagħha, switilha ħajjitha.