Il-missjoni u l-appoġġ tal-UE għat-tagħlim matul il-ħajja
It-tagħlim matul il-ħajja huwa spiss attribwit mal-parteċipazzjoni tal-adulti fl-edukazzjoni. Fi kliem ieħor, hija l-edukazzjoni li wieħed jirċievi lil hinn jew wara l-iskola obbligatorja. Għal ħafna adulti, it-tagħlim ta’ matul il-ħajja jista’ jkun mezz effettiv biex jinkisbu ħiliet ġodda jew biex l-għarfien tagħhom ikun aġġornat b’rabta mal-linja tax-xogħol tagħhom jew bħala parti mit-taħriġ fuq ix-xogħol. Madankollu, dawn huma ftit mill-benefiċċji u l-opportunitajiet marbutin mat-tagħlim tul il-ħajja. Skont il-Kummissjoni Ewropea, l-investiment proprju fit-tagħlim tul il-ħajja wkoll huwa kontributur għaċ-ċittadinanza attiva u għal soċjetà iżjed magħquda. Billi jkunu iżjed konxji ta’ ċertu kwistjonijiet, jiksbu ħiliet u teknoloġiji ġodda u jibqgħu aġġornati bl-aħħar żviluppi tas-soċjetà u dawk teknoloġiċi, iċ-ċittadini jistgħu jkunu armati aħjar biex ikollhom rwol attiv f’soċjetà demokratika.
L-UE mhux biss tirrealizza dan iżda tappoġġja bil-kbir l-isforzi għal tagħlim tul il-ħajja effettiv, speċjalment wara li esperjenzat stabbiltà ekonomika u bidliet li jxekklu fi swieq tax-xogħol dinjija. Madankollu, aktar Ewropej qed jiffaċċjaw ir-riskju ta’ esklużjoni soċjali u simultanjament, iċ-ċittadinanza attiva qed tnaqqas mill-importanza tagħha. Għalhekk, minkejja li l-UE ma tistax tressaq liġijiet ġodda biex issaħħaħ it-tagħlim tul il-ħajja fl-Ewropa, xorta waħda għażlet xi forma ta’ qafas biex tassigura li l-istati membri qed jipprijoritizzaw it-tagħlim tal-adulti fil-policies edukattivi rispettivi tagħhom. F’dawn l-aħħar ftit snin, l-UE rat żieda konsiderevoli fil-livell ta’ parteċipazzjoni fit-tagħlim tal-adulti. Fil-fatt, il-parteċipazzjoni żdiedet minn 10.6 fil-mija fl-2015 sa 12.4 fil-mija fl-2017. Billi tikkoordina u tappoġġja lill-istati membri fejn hu neċessarju, l-UE hi intenzjonata li tilħaq il-mira ta’ 15 fil-mija jew iżjed sal-2020. Permezz ta’ tali miri u direzzjoni strateġika, l-UE qed tassigura li l-ewwel nett, iċ-ċittadini jkollhom l-opportunità li jitgħallmu fi kwalunkwe stadju li jinsabu f’ħajjithom u fl-aħħar mill-aħħar, li permezz tal-edukazzjoni qed jikkontribwixxu lejn soċjetà u ekonomija bbażata fuq l-għarfien.