L-użu tal-YouTube fl-iskejjel: revoluzzjoni diġitali fil-klassi?
L-għalliema u l-ġenituri setgħu ma ndunawx, imma l-istudenti mhux biss jużaw il-YouTube għall-gost. Skont studju li sar fil-Ġermanja, ħafna studenti jaraw il-videos biex ukoll jitgħallmu fuq diversi suġġetti. Imma dan kif jaffettwa l-programm edukattiv?
Il-YouTube ilu magħruf bħala website għall-wiri tal-videos mużikali. Imma din il-pjattaforma għall-istreaming toffri aktar mid-divertiment. Studju li sar fost 800 student Ġermaniż bejn it-12 u d-19-il sena, sab li 50 fil-mija minnhom ukoll jużaw il-pjattaforma għal filmati edukattivi. Anki f’Malta l-YouTube sar għodda importanti taż-żgħażagħ u huwa wkoll ċentru kulturali diġitali.
Naħseb ma nkunx żbaljat jekk ngħid li dan l-aspett edukattiv tal-YouTube għadu ma ġiex rikonoxxut jew apprezzat biżżejjed. Ix-xejra dejjem tikber ta’ studenti li jaraw filmati fuq YouTube għal skop edukattiv, hi sottovalutata minn xi ġenituri u anki minn għalliema.
Hawn studenti li jużaw il-YouTube biex jirrevedu materjal li ma fehmux sew fl-iskola. Huma wkoll ifittxu videos informattivi biex jgħinuhom jippreparaw ix-xogħol li jingħataw għad-dar u għall-eżamijiet. Filmati fuq YouTube li jagħtu lezzjonijiet tal-mużika, tal-arti u tad-drama huma wkoll sors ta’ ispirazzjoni.
Dawn id-drawwiet tat-tagħlim li qed jinbidlu għandhom iwasslu lill-għalliema sabiex jaddattaw il-mod kif jgħallmu. L-għalliema m’għandhomx jkunu aġġornati biss fuq dak li jseħħ fuq YouTube u fuq mezzi oħrajn tal-media soċjali; għandhom ukoll jinkorporaw aktar it-tagħlim li jikseb l-individwu (self-learning) fil-lezzjonijiet tagħhom.
Esperti edukattivi jbassru li bix-xejra dejjem tikber tal-awto-tagħlim, l-għalliema se jieħdu aktar r-rwol ta’ coaches edukattivi. L-għalliema jistgħu, per eżempju, jgħinu lill-istudenti biex jevalwaw il-kontenut tal-filmati li jittellgħu fuq l-internet. Bħal kull ħaġa oħra li tittella’ onlajn, mhux dejjem faċli li wieħed jiddetermina l-kwalita’ ta’ filmati edukattivi. L-istudenti wkoll jridu jkunu konxji dwar il-fatt li min itella’ filmati fuq il-YouTube jista’ jibbaża l-mudell kummerċjali tiegħu biex jippromwovi prodotti kummerċjali.
Kollox ma’ kollox, naħseb li hemm benefiċċji mill-użu ta’ filmati fuq il-YouTube għaliex dawn joffru metodi ġodda li jikkumplimentaw it-tagħlim tradizzjonali. Filmati kulturali jistgħu jistimulaw liż-żgħażagħ biex jiskopru u jaddottaw forom ġodda ta’ parteċipazzjoni kulturali.
Fuq nota ġenerali, fl-iskejjel tagħna diġa’ qed isir tagħlim diġitali li qed jikkontribwixxi biex ikun rabta bejn ġenerazzjoni u oħra. Ir-revoluzzjoni diġitali fil-klassijiet diġà miexja ġmielha!