“Jeħtieġ inġibu lura l-etika fil-mod kif ngħixu ma’ xulxin”. Kliem il-Prof. Andrew Azzopardi, id-Dekan tal-Fakulta’ għall-Ħarsien Soċjali, f’intervista ma’  Voice of the Workers dwar is-suġġett tal-faqar f’Malta.  

Il-faqar f’Malta huwa realta’ mhux ħrafa. F’soċjeta’ neo-liberali, fejn in-nies qed jaħsbu ħafna għal rashom, fejn kollox għandu prezz u fejn il-kunċett ta’ komunita’ u kolleġġjalita’ sar sekondarju, bilfors ikun hemm il-faqar għax dan hu riżultat mhux biss ta’ nuqqas ta’ flus imma ta’ diversi nuqqasijiet oħra bħal nuqqasijiet ta’ ħiliet kif ukoll fl-edukazzjoni u t-taħriġ. 

Il-Prof. Azzopardi fisser li l-anzjani huma l-aktar persuni fis-soċjeta’ li jkunu affettwati mill-faqar; anki t-tfal  għax jiddependu mill-adulti li jieħdu ħsiebhom kif ukoll persuni li jkunu nieqsa mill-edukazzjoni għajr dik Primarja u allura jkunu waqgħu mis-sistema edukattiva u dawk in-nies li jkollhom storja ta’ faqar, ta’ kriminalita’ u ta’ problemi soċjali oħra li jirtu maż-żmien. 

Mistoqsi jispjega x’miżuri jew inizjattivi għandhom jittieħdu biex il-faqar jitnaqqas u fl-aħħar mill-aħħar jiġi eradikat, il-Prof. Azzopardi qal li hawn irridu niddeċiedu “jekk inkomplux nitħanżru jew le”. Hu stqarr li jekk se nibqgħu soċjeta’ fejn dak li jgħoddu hu biss l-avvanz ta’ dak li jkun, (kultant a skapitu ta’ ħaddieħor), allura l-problema se tibqa’ hemmhekk.  

Hemm numru ta’ sistemi li  jistgħu jimmitigaw il-faqar, bħal titjib fil-pensjoni, tisħiħ fil-benefiċċji tal-qgħad, skemi biex in-nies jitħarrġu aktar, titjib fis-sistemi edukattivi, titjib  fil-paga minima, tisħiħ tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-infurzar kontra l-prekarjat. 

Iżda fl-aħħar mill-aħħar, saħaq il-Prof. Azzopardi, għandna nżommu prinċipju fundamentali f’moħħna – irridu nreġġgħu lura l-etika u jekk m’aħniex se ndaħħlu l-amor proprju f’dak li  nagħmlu u kif se ngħixu, se nibdew naqgħu u nqumu minn kulħadd. “Imbagħad l-ebda miżura mhi se taħdem jekk ma nkunux responsabbli ta’ xulxin”, sostna l-Prof. Azzopardi.  

Id-Dekan tal-Fakulta’ għall-Ħarsien Soċjali  fl-Universita’ ta’ Malta saħaq li wieħed irid joqgħod attent meta jargumenta dan is-suġġett fl-isfond ta’ ekonomija li sejra tajjeb. “Huwa tajjeb li ngħidu li għandna surplus u li l-ekonomija miexja ‘l quddiem imma l-kejl l-ieħor ta’ ekonomija tajba hu dak ta’ ekonomija li tinfirex mal-livelli kollha tas-soċjeta’”, sostna l-Prof.  Azzopardi. 

Hu fisser li meta dħalna  fl-Unjoni Ewropea, u allura nfetħu aktra is-swieq, tneħħew l-ostakli fil-kummerċ u n-negozju tant li naqas il-kontroll tal-prezzijiet u issa qegħdin f’soċjeta’ fejn l-importanti hu li dak li jkun illum għandu l-flus imma ma jagħtux kas tal-ġar ta’ ħdejh li qed ibati.  

X’inhu r-rwol tal-istat? L-istat għandu jġib lura l-moralita’ u l-etika f’dak kollu li nagħmlu. Imbagħad nibdew nifhmu kif il-ġid għandu jitqassam bis-serjeta’. Il-Prof. Azzopardi ġab l-eżempju ta’ speċjalista li jitħallas €80 talli għal ftit minuti jinvista tifel ta’ single mother. “Għidli x’etika fiha dik?”, staqsa l-Prof. Azzopardi. Hu qal li l-ispeċjalisti tas-saħħa jridu jirrealizzaw li m’għandhomx iżommu prezzijiet bħal dan għal min hu vulnerabbli u jinsab fix-xifer  tas-soċjeta’. 

L-ekonomija veru kibret imma l-istat ċkien u l-moralita’ tpoġġiet fuq l-ixkaffa għax hi aktar konvenjenti li nwarrbu l-etika.  Għaldaqstant l-istat għandu joħloq l-aħjar kundizzjonijiet biex il-poplu jirrealizza li ħadd mhu waħdu u li għandna bżonn lil xulxin biex ngħixu f’serenita’.