Ix-xogħol siewi tal-UĦM qed jiġi mfixkel fil-Wasteserv
UĦM Voice of the Workers lesta tieħu l-passi kollha li tagħtiha l-liġi biex tiddefendi d-drittijiet tal-ħaddiema tal-Wasteserv u mhu se tħalli lil ħadd ixekkel ix-xogħol li għamlet matul is-snin li gawda minnu kulħadd.
L-impressjoni li qed tipprova tingħata li qed topponi xi bidliet li minnhom igawdu l-ħaddiema hi totalment żbaljata. Il-UĦM dejjem iddefendiet dak li hu tal-ħaddiem u twissi li mhux aċċettabbli li ta’ kull xahar ikun hemm żbalji fil-pagi, sahra nieqsa, leave imwaqqaf, allowances mwiegħda u mhux mgħotija, nuqqas t’uniformijiet u bosta problemi oħra. Kif jista’ l-impjegat jaħdem b’sodisfazzjoni jekk l-aktar affarijiet fundamentali mhux qed jingħatawlu?
Kwistjonijiet oħra mal-maniġment huma dwar twaqqif ta’ mpjegati tal-kuntrattur fuq raġunijiet inġusti, bħal użu ta’ sick leave, problemi ta’ saħħa u mhux skont il-proċeduri tal-ftehim kollettiv. Il-UĦM tinsab imħassba wkoll fuq il-fatt li l-ħaddiema qed jibżgħu li jekk isegwu d-direttivi jiġu penalizzati jew imkeċċija. Dan qed isir bi ksur tad-dritt fundamentali tal-ħaddiem, fejn il-Unjin tkun qed toffri kull għajnuna u sapport għad-drittijiet tal-membri tagħha.
Il-maniġment tant ma’ għandux fiduċja fil-ħaddiema, li żied il-kameras tas-sigurtà f’postijiet li ma jiġġustifikawx tali miżura, minflok jieħu ħsieb il-periklu kontinwu li qed ikunu esposti għalih l-istess ħaddiema waqt li jgħaddu minn triq perikoluża fl-impjant tal-Magħtab.
Dwar dawn il-kwistjonijiet il-UĦM qed tintervjeni regolarment fl-interess tal-ħaddiema.
Sfortunatament, dan l-aħħar bosta deċiżjonijiet ittieħdu mill-maniġment mingħajr konsultazzjoni, b’detriment għall-ħaddiema, iżda l-UĦM mhux ser taċċetta li t-tmexxija tal-Wasteserv tgħaddi bħal gaffa minn fuq l-impjegati.
Il-UĦM tfakkar li tat sehemha biex ma jintilfux impjiegi u pagi fl-aċċident ikrah tal-2017 meta l-impjant ta’ Marsascala ħa n-nar. L-Unjin kienet hemm ukoll biex tassigura li l-ħaddiema tal-kuntrattur jibqgħu jgawdu mill-kundizzjonijiet u żidiet tal-ftehim kollettiv tal-kumpanija, avolja qed iddur informazzjoni qarrieqa maħruġa minn shop stewards ta’ Unjin oħra. Il-ħaddiema tal-kuntrattur jistgħu jserrħu rashom li l-kundizzjonijiet tagħhom huma marbuta mal-ftehim kollettiv preżenti, u dan permess ta’ klawżola li tinsab fil-kuntratt bejn il-Wasteserv u l-OZO Services Limited.
Dawn ir-riżultati pożittivi ntlaħqu permezz tar-rikonoxximent li għandha l-UĦM fost il-ħaddiema tal-Wasteserv u l-interventi kontinwi biex il-pagi u l-kundizzjonijiet jkunu protetti. Il-UĦM apparti li tirrapreżenta l-ħaddiema tal-kumpanija u anke tal-kuntrattur, kemm il-darba dehret f’isimhom quddiem il-Qorti u anke d-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u Kundizzjonijiet tax-Xogħol.
Il-fiduċja tal-ħaddiema lejn il-UĦM, kienet u għadha hemm, kif jidher fiż-żieda kontinwa ta’ membri, bħal grupp sħiħ ta’ ħaddiema mil-impjant ta’ Marsascala li ġew impjegati riċentement. Dan l-aħħar il-Unjin ġabet ukoll ir-rikonoxximent tal-gradi maniġerjali, fejn ser ikompli x-xogħol biex jissawwar ftehim kollettiv ġdid għal dawn l-impjegati li jaqgħu taħt Direttiva 7.
Il-UĦM Voice of the Workers kienet il-Unjin li għamlet il-ftehimi kollettivi kollha fil-Wasteserv u kontinwament tejbet il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-impjegati tal-kumpanija u tal-kuntrattur. Iż-żewġ ftehimi kollettivi li saru, huma meqjusa bħala mudelli għall-postijiet tax-xogħol simili fis-settur privat.
X’inhu l-interess ta’ dan l-artiklu li deher jiem biss wara li l-Wasteserv tilfet mandat fil-Qorti meta ppruvat twaqqaf il-UĦM milli tieħu azzjoni industrijali?